Dwar
Lest għal avventura li tbiddillek ħajtek u għaċ-ċans li tagħmel differenza ta’ veru? Issieħeb mal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għax dan jista’ jkun il-pass kbir li jmiss għalik! Kemm jekk trid tivvjaġġa madwar u lil hinn mill-Ewropa u kemm jekk trid taħdem fuq proġetti cool fil-komunità tiegħek, dan huwa dak li trid tkun taf biex tibda:
Min jista’ jissieħeb?
- Tista’ tirreġistra meta jkollok 17, iżda l-azzjoni tibda biss meta tagħlaq 18.
- Tista’ tipparteċipa sal-età ta’ 30 sena (jew 35-il sena jekk qed tapplika għall-Volontarjat fil-qasam tal-Għajnuna Umanitarja).
- Tista’ tirreġistra jekk int resident f’wieħed mill-pajjiżi involuti.
- Tista’ tapplika biss għal attivitajiet miftuħa għal persuni mill-pajjiż ta’ residenza tiegħek.
X’tista’ tagħmel?
- Agħżel bejn:
- Il-proġetti jdumu bejn ġimagħtejn u sena sħiħa.
- Involvi ruħek f’oqsma bħall-kultura, l-ambjent, is-saħħa, l-isport, u ħafna aktar.
Hemm xi regoli li trid issegwi?
- Għal proġetti ffinanzjati mill-2024 ’il quddiem, l-attivitajiet ta’ volontarjat kollha tiegħek flimkien ma jistgħux jaqbżu 12-il xahar (limitu ta’ żmien). L-attivitajiet ta’ volontarjat, il-Volontarjat fil-qasam tal-Għajnuna Umanitarja u s-Servizz Volontarju Ewropew (SVE) jgħoddu fil-limitu ta’ żmien tiegħek, iżda l-Proġetti ta’ Solidarjetà ma jgħoddux.
- Il-proġetti ffinanzjati bejn l-2021 u l-2023 (u li għadhom għaddejjin) isegwu r-regoli minn dawk is-snin, u għalhekk il-limitu ta’ żmien ma japplikax. Issib is-sena ta’ finanzjament fin-numru tal-proġett.
- L-attivitajiet ta’ volontarjat tiegħek ma jistgħux jikkoinċidu.
- Tista’ tagħmel attività ta’ volontarjat transfruntiera individwali fit-tul waħda biss (xagħrejn – 12-il xahar). Jistgħu jiġu permessi eċċezzjonijiet iżda biss f’każijiet rari u ġustifikati.
- Tista’ tipparteċipa darba biss fil-volontarjat individwali tal-Għajnuna Umanitarja.
- Wara volontarjat individwali tal-Għajnuna Umanitarja ma tistax tibqa’ tipparteċipa f’attività ta’ volontarjat transfruntier individwali fit-tul, iżda jekk tibda b’volontarjat transfruntier individwali fit-tul, tista’ mbagħad tagħmel volontarjat individwali tal-Għajnuna Umanitarja.
- Tista’ tagħmel diversi attivitajiet ta’ volontarjat fuq terminu qasir (ġimagħtejn – xagħrejn).
- Tista’ tieħu sehem ukoll f’diversi Proġetti ta’ Solidarjetà (xagħrejn – 12-il xahar), li ma jgħoddux fil-limitu ta’ żmien.
Kif tibda?
- Irreġistra fuq il-portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
- Ikseb aċċess għal dashboard personali mimli opportunitajiet.
- Jekk jinteressak il-volontarjat, applika għall-opportunitajiet – l-organizzazzjonijiet jistgħu jikkuntattjawk ukoll jekk titqabbel mal-proġetti tagħhom.
- Jekk lest li tagħmel Għajnuna Umanitarja, ikollok tagħmel it-taħriġ speċjali.
- Jekk tixtieq tibda Proġett ta’ Solidarjetà lokali, trid tapplika għal finanzjament dirett.
Ftakar, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jrid li kulħadd ikollu opportunità jipprova l-volontarjat, għalhekk għalkemm hemm xi limiti, hemm ħafna opportunitajiet.
Jekk ikollok bżonn daqqa’ t’id, ikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali jew lis-SALTO reġjonali tiegħek — jew lill-EACEA jekk għall-volontarjat fil-qasam tal-Għajnuna Umanitarja — huma lesti jgħijnuk.
Mela, lest/a tidħlilha din l-avventura u toħloq stejjer inkredibbli tul it-triq? Tlaqna!