Attivitajiet ta’ volontarjat
Dawn l-attivitajiet huma opportunità mill-aqwa għalik biex tgħin fejn ikun hemm bżonn, tħalli impatt pożittiv fuq il-komunità, tiżviluppa ħiliet ġodda, tqatta’ żmien barra minn pajjiżek, forsi titgħallem lingwa ġdida — u żgur terġa’ lura b’memorji li jibqgħu miegħek għal dejjem. Żgur li se ssib xi attività li taqbel mal-aspettattivi tiegħek.
Imma qabelxejn, trid tagħżel bejn il-volontarjat b’mod individwali jew f’tim.
Volontarjat individwali
- jista’ jdum bejn ġimagħtejn u 12-il xahar;
- hu full-time (bejn 30 u 38 siegħa fil-ġimgħa);
- tkun qed tagħmel volontarjat waħdek, imma f’ħafna każijiet ikun hemm ukoll voluntiera oħra;
- normalment ikun f’pajjiż barrani, imma jista’ jkun ukoll f’pajjiżek.
Volontarjat f’tim
- jista’ jdum bejn ġimagħtejn u xahrejn;
- hu full-time (bejn 30 u 38 siegħa fil-ġimgħa);
- tkun voluntier ma’ nies minn pajjiżi differenti;
- normalment ikun barra minn pajjiżek, għalkemm jista’ jkun ukoll f’pajjiżek;
- il-grupp se jkollu mill-inqas ħames voluntiera minn żewġ pajjiżi jew aktar;
- jista’ jappoġġa l-attivitajiet li jindirizzaw l-isfidi komuni Ewropej f’oqsma ta’ politika għoljin definiti kull sena fil-livell tal-UE.
X’inhu r-rwol tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ u ta’ dawk ospitanti?
- organizzazzjoni ta’ appoġġ — spiss tkun ibbażata f’pajjiżek, u se tgħinek tipprepara għall-esperjenza tiegħek barra mill-pajjiż (qabel kienet tissejjaħ “organizzazzjoni li tibgħat”).
- organizzazzjoni ospitanti — spiss tkun ibbażata fil-pajjiż fejn isseħħ l-attività tiegħek, u se tilqgħek u tgħinek fil-pajjiż tad-destinazzjoni tiegħek.
Jekk se tmur barra minn pajjiżek għal volontarjat individwali, iridu jkunu involuti żewġ organizzazzjonijiet — organizzazzjoni ta’ appoġġ u organizzazzjoni ospitanti.
Jekk se tagħmel volontarjat f’tim, ikun hemm bżonn organizzazzjoni waħda biss — ta’ appoġġ jew inkella waħda ospitanti.
Tista’ tfittex għal organizzazzjonijiet ta’ appoġġ potenzjali fil-bażi tad-data tal-organizzazzjonijiet.
Min jista’ jkun voluntier?
- Persuni ta’ bejn it-18 u t-30 sena li joqogħdu f’wieħed mill-pajjiżi tal-UE u f’pajjiżi oħra koperti.
Xi jkun kopert għall-voluntiera?
- l-assigurazzjoni;
- is-servizzi ta’ appoġġ (bħall-appoġġ lingwistiku u t-taħriġ);
- l-ispejjeż bażiċi (l-ivvjaġġar tiegħek lejn il-proġett u lura minnu, l-akkomodazzjoni u l-ikel);
- il-flus fil-but biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż personali;
- l-ispejjeż relatati ma’ ħtiġijiet speċifiċi (eż. għajnuna addizzjonali, mentoraġġ imsaħħaħ, diżabbiltà, viża, eċċ.).
Kif tirreġistra?
L-ewwel darba li tirreġistra, se tintalab toħloq kont tal-EU Login qabel ma toħloq il-profil tiegħek tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-kont tal-EU Login hu s-servizz ta’ awtentikazzjoni tal-utent tal-Kummissjoni Ewropea.
Ladarba l-profil tiegħek ikun inħoloq, ikollok aċċess għad-dashboard personali tiegħek. Hemmhekk tista’ tapplika għall-opportunitajiet, taċċessa t-taħriġ online ġenerali offrut lill-parteċipanti, tara ċ-ċertifikati tiegħek u ħafna aktar.
Ir-reġistrazzjoni fil-Korp ma tiggarantix li se tieħu sehem f’Attività ta’ volontarjat.